Ir-Rapport dwar is-Suq Wieħed jikseb appoġġ kbir

Ir-Rapport Own Initiative tiegħi dwar “Suq Wieħed għall-Konsumaturi u Ċittadini” għadu jingħata prominenza f’dibattiti ewlenin dwar l-istrateġija tal-UE għall-2020. Wara l-approvazzjoni tiegħu mill-IMCO, ir-Rapport tpoġġa fuq il-mejda tal-Parlament, fejn jiena ħdimt mill-qrib mal-gruppi parlamentari kollha biex nakkomoda, safejn stajt, it-talbiet tagħhom. Imbagħad, ir-Rapport tressaq għal Joint Debate tal-Parlament mill-Kumitat tal-Presidenti, u kiseb appoġġ wiesa’ mill-gruppi politiċi kollha meta kien approvat mill-Parlament b’maġġuranza kbira ta’ 578 vot favur, 28 kontra, u 16-il astensjoni.

Aktar tard, il-Parlament irrefera għar-Rapport u wżah estensivament meta ddiskuta Riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-2020. Il-Parlament kien diterminat li jwassal lill-Kunsill tal-Ministri l-fehmiet qawwija tiegħu dwar il-programm strateġiku ta’ għaxar snin biex l-UE tkun kompetittiva, soċjali u sostenibbli. Il-Parlament kellu kritika iebsa għall-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea li jqisha nieqsa mill-ambizzjoni u ma tħarisx ‘il bogħod biżżejjed. Huwa jrid strateġija aktar koerenti li timmira li tpoġġi lin-nies u lill-ħarsien tal-ambjent fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika, fl-istess ħin li jsiru riformi strutturali.

Il-fehmiet u l-proposti tal-Parlament kienu konsolidati f’Riżoluzzjoni ko-sponsorjata mill-gruppi politiċi ewlenin, jiġifieri s-Soċjalisti u Demokratiċi, il-Partit Ewropew tal-Popli, il-Liberali u Demokratiċi,u l-Ħodor, li mbagħad kienet adottata. Ir-Riżoluzzjoni tindika l-inizjattivi ewlenin li l-istituzzjonijiet Ewropej, u partikularment il-Kummissjoni, għandhom isegwu fil-ġejjieni fil-politika tagħhom biex jinħolqu l-impjiegi u jkun hemm tkabbir ekonomiku.

Malcolm Harbour, il-president tal-Kumitat tal-Parlament għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, iddeskriva r-Rapport tiegħi bħala “sejħa biex tqum” lill-Kummissjoni Ewropea u lil gvernijiet nazzjonali meta jħejju l-istrateġija tagħhom għall-għaxar snin li ġejjin. Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u Servizzi, sejjaħlu “tabilħaqq intelliġenti u utli”. Il-Kummissarju għas-Saħħa u Politika tal-Konsumatur, John Dalli, faħħar ix-xogħol tiegħi u rringrazzjani għall-“mod ċar u komprensiv” kif ittrattajt l-aspetti tal-varar mill-ġdid tas-Suq Wieħed. Il-Profs Mario Monti, l-ekonomista magħruf u eks-kummissarju, qal li ir-Rapport huwa “kontribuzzjoni tabilħaqq siewja għal xogħli”.

Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li r-Rapport qajjem interess daqshekk qawwi fost il-MPE u wassal għal dibattiti mqanqla, konsultazzjonijiet extensivi u bidliet ta’ fehmiet mal-gruppi parlamentari kollha, assoċjazzjonijiet tal-SME, ONG, u gruppi tal-konsumaturi. F’Konferenza Stampa, Malcolm Harbour iddeskriva r-Rapport bħala “kontribuzzjoni tassew important lix-xogħol tal-Kummissjoni fuq is-Suq Intern fil-ħames snin li ġejjin”.

Kun Abbonat
e-mail


Aħbarijiet
Poll

Hemm eluf ta’ ħaddiema fqar f’Malta. Taqbel li l-paga minima nazzjonali għandha tgħola?

Iva
Le